
14/08/2025
SANTWARJI MARJANI
Il-Madonna ta’ Czestochowa
P. Jürgen Cucciardi, O.Carm.
Fil-monasteru ta’ Jasna Gora f’Czestochowa fil-Polonja, insibu Santwarju Marjan magħruf ħafna mal-Insara, partikularment fost dawk Pollakki. L-isem Jasna Gora jfisser “muntanja mdawla”. Lejn dan is-santwarju jersqu miljuni ta’ pellegrini kull sena, speċjalment minħabba l-ikona mirakoluża tal-Madonna s-sewda ta’ Czestochowa, li tinsab ġewwa l-kappella prinċipali tas-santwarju.
Storja u oriġini
Il-bidu tas-santwarju jmur lura għas-sena 1382, meta l-monasteru kien imwaqqaf mill-monaċi Pawlini (tal-Ordni ta’ San Pawl, l-ewwel eremita), fuq stedina tal-Prinċep Ladislaus. Skont leġġenda, l-ikona tal-Madonna li għadna naraw fis-santwarju sal-lum, kienet miġjuba minn Ġerusalemm għal Kostantinopli u mbagħad eventwalment waslet sa Czestochowa. Xi leġġendi jgħidu li din l-ikona nstabet minn Sant’Elena meta marret fl-Art Imqaddsa biex tfittex is-salib ta’ Ġesù. Din ix-xbieha saret magħrufa minħabba l-ħafna grazzji li bdiet taqla’ għal dawk li jirrikorru lejha, u għalhekk bdiet tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna pellegrini minn kullimkien.
Fis-sbatax-il seklu, waqt l-invażjoni tal-Polonja mill-Iżvezja, l-armata Żvediża ppruvat tieħu f’idejha l-monasteru. Madankollu, minkejja li kienu ferm inqas fin-numru, in-nies ta’ Jasna Gora rnexxielhom jirreżistu, ħaġa li ġiet meqjusa bħala miraklu u tat spinta morali qawwija lin-nazzjon Pollakk. Minn dakinhar, is-Santwarju ta’ Czestochowa sar simbolu nazzjonali ta’ fidi u reżistenza.
L-Ikona tal-Madonna
L-ikona tal-Madonna ta’ Czestochowa hija pittura fuq l-injam li turi lil Marija tippreżenta lil Ġesù Bambin. Il-karatteristika l-aktar distintiva tal-ikona hija l-kulur skur tal-ġilda tal-figuri u bħal żewġ girfiet fuq wiċċ Marija, marbutin ma’ leġġenda li se nitkellmu dwarha aktar ‘l isfel.
Ix-xbieha tal-Madonna ta’ Czestochowa, mill-bidu tat-twaqqif tas-santwarju, kienet magħrufa bħala straordinarja, b’devozzjoni kbira tal-poplu u tas-slaten Pollakki. Hija meqjusa bħala l-Omm spiritwali tal-Polonja u hija wkoll il-Patruna tal-pajjiż. Diversi mirakli u fejqan huma attribwiti għat-talb quddiem din l-ikona, u ħafna persuni jħallu ringrazzjamenti tagħhom f’forma ta’ ex-voto fil-kappella.
Ix-xbieha tal-Madonna ġiet inkurunata fit-8 ta’ Settembru 1717, simbolu tad-devozzjoni antika tal-poplu. Kien il-Papa Klement XI li ddeċieda li jinkuruna din ix-xbieha, u offra l-kuruni prezzjużi. Madankollu, fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Ottubru 1909, dawn il-kuruni, flimkien ma’ ġojjelli oħrajn, ġew misruqa. Kbir kien in-niket tal-poplu Pollakk, tant li l-Papa San Piju X, iddeċieda li joffri lix-xbieha tal-Madonna kuruni ġodda. Ix-xbieha tal-Madonna, wara din il-ġrajja, ġiet inkurunata mill-ġdid fit-22 ta’ Mejju 1910. Minn dakinhar ‘l hawn, b***a kuruni oħrajn ġew offruti lil din ix-xbieha, fosthom mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, devot kbir tal-Madonna ta’ Czestochowa, li mhux biss żar is-Santwarju b***a drabi kemm qabel kif ukoll waqt il-Pontifikat tiegħu, imma fis-Santwarju nsibu wkoll il-faxxa tas-suttana mċappsa bid-demm wara l-attentat fuq ħajtu fit-13 ta’ Mejju 1981. L-istess Papa offra lill-Madonna l-warda tad-deheb, kif għamlu warajh il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku.
Il-leġġenda dwar il-girfiet
Waħda mil-leġġendi li jdawru din ix-xbieha tirrakkonta li meta l-monasteru ġie attakkat fis-sena 1430, l-ikona nsterqet. Xħin ix-xbieha ntefgħet fil-karru, iż-żwiemel tal-karru ma ridux jiċċaqalqu. Bir-rabja, l-ikona tal-Madonna ssabbtet mal-art u wieħed mill-ħallelin ħareġ ix-xabla li biha għamel żewġ girfiet fuq ix-xbieha. Meta l-ħalliel ipprova jagħmel it-tielet girfa, waqa’ mal-art u miet. Minkejja li fil-passat saru diversi tentattivi ta’ restawr fuq ix-xbieha, kien diffiċli ħafna li dawn il-girfiet jitneħħew.
Dawn il-girfiet illum jingħataw tifsira spiritwali: Marija, bħala Omm u Sultana tal-poplu ġiet tormentata u mweġġgħa għal diversi sekli. Kif is-sejf nifed lil ruħha, hekk issa dawn is-sinjali ta’ tbatija jidhru fuq wiċċha fuq ix-xbieha tagħha f’Jasna Gora.
Importanza spiritwali u kulturali
Il-monasteru ta’ Jasna Gora biż-żmien sar għall-poplu Pollakk simbolu ta’ għaqda, tama u reżistenza. Anke fi żmien ir-reġim komunista Pollakk, dan is-santwarju baqa’ simbolu tal-fidi tal-poplu, u l-post fejn in-nies setgħu jesprimu l-fidi tagħhom.
Il-monasteru u s-Santwarju
Il-monasteru ma fihx biss il-Kappella tal-Madonna u l-post fejn jgħixu l-monaċi, imma huwa spazju kbir fejn il-pellegrini jistgħu jqattgħu ftit sigħat fil-kwiet u fit-talb. Fost l-oħrajn, insibu wkoll statwi kbar li jirrappreżentaw il-misteri tar-rużarju, kif ukoll it-triq tas-salib.
Konklużjoni
Minkejja li ħafna nies imorru l-Polonja għal ħin ta’ mistrieħ u vaganzi, kull min iżur is-Santwarju tal-Madonna ta’ Czestochowa jkun qiegħed jissieħeb f’post għażiż għall-poplu Pollakk, li huwa simbolu tal-fidi u l-identità tal-poplu.
Il-Karmelu, Lulju-Settembru 90/3 (2025) p 24-25