Il-Karmelu Malta

Il-Karmelu Malta Il-Karmelu: perjodiku ta’ kull tliet xhur maħruġ mir-Reliġjużi Karmelitani Maltin b’artikli ● Direttur: P.

Joseph Saliba, O.Carm., Pirjol Provinċjali ● Editur: P. Anthony Cilia, O.Carm. ● Qari tal-provi: Keith Att**d ● Grafika: Fabio Borg ● Direzzjoni u Amministrazzjoni: L-Editur "Il-Karmelu", Kunvent tal-Karmnu, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681, Malta. ● Email: [email protected] ● Tel: 2754 2106 ● Facebook: Il-Karmelu Malta ● Kull materjal biex jidher f'Il-Karmelu, u kull korrispond

enza oħra, għandhom jintbagħtu lill-Editur bil-posta normali jew bil-posta elettronika. Id-Direzzjoni żżomm id-dritt li tippubblika f'Il-Karmelu dak il-materjal li jaqbel max-xejra tal-perjodiku. ● Abbonament: € 10 fis-Sena jew aktar bħala Sostenitur.

Kalendarju Karmelitan12 ta’ Awwissu - Beatu Isidor BakanjaMartri u Miktub fil-Labtu tal-KarmnuIsidor Bakanja twieled għa...
12/08/2026

Kalendarju Karmelitan
12 ta’ Awwissu - Beatu Isidor Bakanja
Martri u Miktub fil-Labtu tal-Karmnu

Isidor Bakanja twieled għall-ħabta tas-sena 1885 f’Bokendela, fil-provinċja attwali ta’ Equateur fil-Kongo. Wara li telaq minn raħal twelidu, mar joqgħod f’Mbandaka fejn tgħammed fis-6 ta’ Mejju 1906 u rċieva l-Griżma tal-Isqof ftit xhur wara fil-25 ta’ Novembru 1906. Isidor kellu devozzjoni kbira lejn il-Verġni Mqaddsa Marija billi ta’ kuljum kien jgħid it-talba tar-Rużarju u jġorr fuqu l-Labtu tal-Karmnu. Minkejja t-tfixkil li ltaqa’ miegħu fuq ix-xogħol għax kien Nisrani, huwa baqa’ sod fil-fidi tiegħu sal-aħħar. Wara sitt xhur ibati f’qiegħ ta’ sodda minħabba s-swat li qala’ għax irrifjuta li jneħħi minn fuqu l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu, huwa miet jaħfer lill-qattiel tiegħu nhar il-15 ta’ Awwissu 1909, fis-Solennità ta’ Sidtna Marija Mtellgħa fis-Sema. Minkejja li kellu biss 24 sena, kien hekk sod fil-fidi tiegħu, li bħal San Pawl kien iħobb jgħid: “Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.” (Fil 1,21). Il-Papa Ġwanni Pawlu II ibbeatifikah fl-24 ta’ April 1994.

Kalendarju Karmelitan9 ta’ Awwissu - Santa Tereża Benedetta tas-SalibVerġni Karmelitana u Ko-Patruna tal-EwropaEdith Ste...
09/08/2026

Kalendarju Karmelitan
9 ta’ Awwissu - Santa Tereża Benedetta tas-Salib
Verġni Karmelitana u Ko-Patruna tal-Ewropa

Edith Stein twieldet fit-12 ta’ Ottubru 1891 f’Breslau, fiż-żmien meta din il-belt kienet tifforma parti mill-provinċja ta’ Silesia fil-Ġermanja, illum f’Wroclaw fil-Polonja. Edith kienet il-ħdax-il wild ta’ familja Lhudija. Meta kibret uriet ħila tal-għaġeb fil-Filosofija. Ta’ wieħed u għoxrin sena ddikjarat ruħha atea. Imma fis-sajf tal-1920, waqt li kienet għand ħabiba tagħha, ġie f’idejha l-ktieb “Il-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Karmelitana” u qratu f’lejl wieħed. Kif spiċċatu qalet: “Din hi l-Verità!” Fittxet li ssir Nisranija u tgħammdet fl-1922. Ħdax-il sena wara daħlet mas-sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Köln u ħadet l-isem ta’ Tereża Benedetta tas-Salib. Fi żmien il-persekuzzjoni Nazista ntbagħtet fil-Karmelu ta’ Echt fl-Olanda. Imma fit-2 ta’ Awwissu 1942 kienet arrestata u mibgħuta fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fil-Polonja. Fid-9 ta’ Awwissu 1942 qatluha fil-kamra tal-gass. Kienet ibbeatifikata mill-Papa Ġwann Pawlu II fl-1 ta’ Mejju 1987, ikkanonizzata fl-1 ta’ Ottubru 1999 u pproklamata Ko-Patruna tal-Ewropa mill-istess Papa.

Kalendarju Karmelitan7 ta’ Awwissu - San Albert ta’ TrapaniPresbiteru KarmelitanAlbertu twieled fis-seklu tlettax fi Tra...
07/08/2026

Kalendarju Karmelitan
7 ta’ Awwissu - San Albert ta’ Trapani
Presbiteru Karmelitan

Albertu twieled fis-seklu tlettax fi Trapani, Sqallija. Ta’ età żgħira daħal fl-Ordni Karmelitan fejn wara li lesta l-istudji tiegħu kien ordnat saċerdot. Għall-ħajja tiegħu ta’ għaqda ma’ Alla bit-talb u bis-safa, kif ukoll għall-għerf u l-qdusija tiegħu, kien imfittex ħafna għall-predikazzjoni u għall-mirakli li kien jagħmel. Fl-1296 kien maħtur Provinċjal tal-Karmelitani ta’ Sqallija. Bil-predikazzjoni bla heda tiegħu, ikkonverta ħafna Lhud. Miet f’Messina fis-7 ta’ Awwissu 1307. Fl-1457 il-Papa Kallistu III, b’kunsens verbali ppermetta l-qima tiegħu, li ġiet ikkonfermata mill-Papa Sistu IV b’digriet tal-31 ta’ Mejju 1476. Kien l-ewwel qaddis li kellu kult fl-Ordni, u għalhekk kien meqjus patrun u protettur. Ir-ras ta’ San Albert tinsab meqjuma fil-knisja Karmelitana ta’ Trapani, fejn għadu meqjus bħala l-patrun ta’ dawk li jimirdu bid-deni rqiq. Fl-ikonografija, ħafna drabi, San Albert jidher bil-Bambin Ġesù f’id waħda u f’idu l-oħra l-ktieb jew il-ġilju.

MILL-ARKIVJUIl-Madonna tal-Karmnu fil-poeżija Maltija (3)P. Hugh A. Mallia, O.Carm.Wara l-Kurunella tal-Karmnu, l-aktar ...
04/08/2026

MILL-ARKIVJU
Il-Madonna tal-Karmnu fil-poeżija Maltija (3)
P. Hugh A. Mallia, O.Carm.

Wara l-Kurunella tal-Karmnu, l-aktar poeżija antika li ġiet f’idejja kienet dik li Giovanni Carabez ippubblika għall-festa tal-Karmnu tal-Belt tal-1897. Carabez kien ħabrieki ħafna fil-qasam tal-kitba, kemm tal-poeżija kif ukoll tal-proża. Kien jikteb f’Il-Ħabib Malti, ġurnal li dam joħroġ sentejn biss (1888-1889). Flimkien mal-poeti l-oħra żgħar, bħal G. Sapiano Lanzon, Dwardu Cachia u M.a. Borg, Carabez kellu xi mertu letterarju bis-sehem li ta bil-poeżiji patrijottiċi u satiriċi tiegħu u bil-ħrejjef li kien jikteb ta’ spiss. Il-kitbiet tagħhom ftit li xejn qatt laħqu l-livell tal-poeżija tal-arti, imma kellhom il-mertu u x-xewqa kbira li jerfgħu l-ilsien Malti għal-livell tal-arti. Meta l-Professur Oliver Friggieri jsemmi l-kitba ta’ Giovanni Carabez isejħilha ‘sforzi semi-letterarji’.

● Silta meħuda mill-“Il-Karmelu”, Lulju-Settembru 91/3 (2026) p 10-11. Jekk tixtieq tkompli taqra dan l-artiklu, abbona f’“Il-Karmelu”. B’10€ tkun tista’ taqra l-artikli kollha ta’ sena sħiħa. Ibgħat ismek u l-indirizz tiegħek flimkien mal-ħlas lill-Editur “Il-Karmelu”, Kunvent tal-Karmelitani, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681.

LECTIO DIVINAĠesù ra n-nies u tħassarhom!It-tkattir tal-ħobżP. Anthony Cilia, O.Carm.Talba tal-bidu● Ibda l-Lectio Divin...
01/08/2026

LECTIO DIVINA
Ġesù ra n-nies u tħassarhom!
It-tkattir tal-ħobż
P. Anthony Cilia, O.Carm.

Talba tal-bidu

● Ibda l-Lectio Divina billi titlob l-għajnuna ta’ Alla ħalli jdawwallek moħħok u jiftaħlek qalbek għall-Kelma tiegħu.

1. Il-Qari (Lectio)

● Aqra b’attenzjoni u b’vuċi li tinstema’ s-silta li ġejja, filwaqt li toqgħod attent għad-dettalji kollha: personaġġi, imġiba, postijiet, ambjent, eċċ.

Mill-Evanġelju skont San Mattew (14,13-21)

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.
Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.” U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.” “Ġibuhomli hawn,” qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

2. Il-Meditazzjoni (Meditatio)

a) Biex wieħed jifhem aħjar il-Kelma ta’ Alla

Bil-missjoni u l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista, il-poplu Lhudi għaraf li l-miġja tal-Messija u ż-żmien tas-Saltna ta’ Alla kienu fil-qrib (Mt 3,2). Minħabba f’hekk, fost il-poplu kien hemm stennija kbira. Kien jaf li meta jasal il-Messija, hu kellu jkun bħal xi wieħed mill-profeti l-kbar tat-Testment il-Qadim (Mt 16,14). Għaldaqstant, il-miraklu ta’ Ġesù, tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, li permezz tagħhom tema’ dawk l-eluf kollha ta’ nies, kien għalihom sinjal ċar li l-Messija jinsab f’nofshom.

● Silta meħuda mill-“Il-Karmelu”, Lulju-Settembru 91/3 (2026) p 14-16. Jekk tixtieq tkompli taqra dan l-artiklu, abbona f’“Il-Karmelu”. B’10€ tkun tista’ taqra l-artikli kollha ta’ sena sħiħa. Ibgħat ismek u l-indirizz tiegħek flimkien mal-ħlas lill-Editur “Il-Karmelu”, Kunvent tal-Karmelitani, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681.

Kalendarju Karmelitan27 ta’ Lulju - San Titu BrandsmaPresbiteru u Martri KarmelitanTwieled f’Bolsward, fl-Olanda fl-1881...
27/07/2026

Kalendarju Karmelitan
27 ta’ Lulju - San Titu Brandsma
Presbiteru u Martri Karmelitan

Twieled f’Bolsward, fl-Olanda fl-1881 u f’żgħożitu ħaddan l-Ordni Karmelitan. Wara li ġie ordnat saċerdot fl-1905, kiseb minn Ruma d-Dottorat fil-Filosofija. Għallem f’għadd ta’ skejjel fl-Olanda u nħatar Professur tal-Filosofija u l-Istorja tal-Mistiċiżmu fl-Università Kattolika ta’ Nijmegen, li tagħha kien ukoll Rettur Manjifiku. Minkejja li kien impenjat f’ħafna xogħol, baqa’ magħruf għax kien isib ħin għal kulħadd. Kien ġurnalist professjonali u fl-1935 inħatar kunsillier ekkleżjastiku għall-ġurnalisti Kattoliċi. Kemm qabel u kemm wara l-okkupazzjoni Nazista tal-Olanda, tqabad b’fedeltà għall-Evanġelju kontra t-tixrid tal-ideoloġija Nazista u għal-libertà tal-edukazzjoni u l-istampa Kattolika. Minħabba f’hekk arrestawh. Għadda minn ħabs għal ieħor u minn żewġ kampijiet ta’ konċentrament, sa ma fl-1942, wara ħafna tbatija u tkasbir, qatluh f’Dachau. Sal-aħħar ta’ ħajtu ma hediex inissel faraġ u sliem fi sħabu l-priġunieri u jagħmel il-ġid imqar lil dawk li kienu jaħqruh. Il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Beatu nhar it-3 ta’ Novembru 1985. Kien dikjarat Qaddis mill-Papa Franġisku nhar il-15 ta’ Mejju 2022.

Kalendarju Karmelitan26 ta’ Lulju - Sant’Anna u San ĠwakkinProtetturi Sekondarji tal-Ordni KarmelitanAnna u Ġwakkin huma...
26/07/2026

Kalendarju Karmelitan
26 ta’ Lulju - Sant’Anna u San Ġwakkin
Protetturi Sekondarji tal-Ordni Karmelitan

Anna u Ġwakkin huma l-ġenituri tal-Verġni Marija. Ġwakkin kien ragħaj joqgħod f’Ġerusalemm, qassis anzjan miżżewweġ lil Anna. It-tnejn li huma ma kellhomx tfal u kienu mdaħħlin fiż-żmien. Darba waħda, waqt li Ġwakkin kien qiegħed jaħdem fl-għalqa, dehru anġlu u ħabbarlu li kien se jkollu tarbija. Hekk ukoll Anna kellha l-istess dehra. Huma semmew it-tarbija Marija, li jfisser ‘Maħbuba minn Alla’. Ġwakkin mar fit-tempju u flimkien mat-tifla ċkejkna, ħa miegħu għaxart iħrief, tnax-il għoġol u mitt gidien bla tebgħa. Iktar t**d Ġwakkin ħa lil Marija fit-tempju biex tkun edukata skont il-liġi ta’ Mosè. Dan it-tagħrif dwarhom jinsab fil-ktieb apokrifu li jġib l-isem “Il-Proto-Evanġelju ta’ Ġakbu” miktub fis-seklu II. Il-qima lejn Sant'Anna nsibuha dokumentata fil-Lvant fis-seklu VI u fil-Punent fis-seklu X, filwaqt li dik lejn San Ġwakkin fis-seklu XIV.
L-Ordni Karmelitan jiċċelebra b’devozzjoni lil Sant’Anna u San Ġwakkin, il-ġenituri ta’ Marija, il-Patruna Prinċipali tiegħu, bħala protetturi sekondarji għax fihom jara espressjoni l-aktar ħajja u ġenwina tal-kariżma u l-ispiritwalità li jħaddan.

Kalendarju Karmelitan24 ta’ Lulju - Beatu Ġwanni SorethPresbiteru KarmelitanIl-Beatu Ġwanni Soreth twieled f’Caen fin-No...
24/07/2026

Kalendarju Karmelitan
24 ta’ Lulju - Beatu Ġwanni Soreth
Presbiteru Karmelitan

Il-Beatu Ġwanni Soreth twieled f’Caen fin-Normandija, fi Franza, fl-1394. Fl-età żagħżugħa daħal fl-Ordni Karmelitan u kien ordnat saċerdot qrib is-sena 1417. Kiseb il-lawrja fit-Teoloġija mill-Università ta’ Pariġi u kien maħtur Reġġent tal-Istudji. Aktar t**d kien magħżul Provinċjal u mill-1451 sal-mewt tiegħu, Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan. Ħadem u saħaq ħafna fuq l-osservanza tar-Regola u sabiex jirriforma l-istess Ordni. Fisser b’ħila kbira r-Regola fil-kitba tiegħu bit-titlu “Expositio paraenetica”. Kien strumentali fit-twaqqif uffiċjali tas-Sorijiet Klawstrali u tat-Terz’Ordni Karmelitan, speċjalment bis-saħħa tal-bolla “Cum nulla” tal-Papa Nikol V fl-1452. Fl-1462 ippubblika l-Kostituzzjonijiet il-ġodda għall-Ordni kollu. Ġwanni miet f’Angers fil-25 ta’ Lulju 1471. Il-qima lejh bħala beatu, kienet magħrufa uffiċjalment mill-Papa Piju IX fl-1866. Fl-ikonografija, ħafna drabi, tippreżenta lill-Beatu Soreth b’pissidi f’idejh, b’tifkira tal-ġrajja li seħħet f’Liège, fil-Belġju, meta d-Duka ta’ Borgonja u sħabu, waqt il-ħerba li għamlu fil-belt, Ġwann Soreth, bla ma beża, ħareġ jiġbor l-Ostji kkonsagrati li kienu xerrdu fit-toroq b’disprezz lejn l-Ewkaristija.

STORJAIl-kamp tal-konċentrament ta’ DachauFr Charles ButtigiegFil-15 ta’ Settembru 1935, Adolf Hi**er għadda diversi liġ...
22/07/2026

STORJA
Il-kamp tal-konċentrament ta’ Dachau
Fr Charles Buttigieg

Fil-15 ta’ Settembru 1935, Adolf Hi**er għadda diversi liġijiet kontra l-Lhud li kienu jgħixu fil-Ġermanja, fejn fost l-oħrajn ċaħħadhom miċ-ċittadinanza Ġermaniża li kellhom. Fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 1938, magħruf bħala ‘Kristallnacht’ (Il-Lejl tal-Ħġieġ Imkisser), in-Nażi kissru t-twieqi u qerdu l-proprjetajiet tal-Lhud, flimkien ma’ 7,500 ħanut Lhudi u 267 sinagoga, u hekk ħafna reġjuni ġew dikjarati ‘Judenfrei’ (Meħlusa) u ‘Judenrein’ (Imnaddfin) mil-Lhud. Dakinhar, madwar 10,000 Lhudi ntbagħtu fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, li seħħet bejn l-1939 u l-1945, Hi**er kien responsabbli għall-ġenoċidju ta’ madwar 6,000,000 Lhudi. Miljun u nofs minnhom kienu tfal ċkejknin u innoċenti. Ma’ dawn is-sitt miljun Lhudi, Hi**er qatel ukoll miljuni oħra ta’ nies li kienu ta’ reliġjonijiet differenti. F’dak iż-żmien, il-Ġermanja kellha diversi kampijiet ta’ konċentrament imxerrda mal-Ewropa. F’dawn il-kampijiet saru kull forma ta’ tortura fiżika u psikoloġika, u nqatlu miljuni ta’ bnedmin innoċenti. B’kollox 20,000,000 ruħ għaddew minn dawn il-kampijiet. Vittmi ta’ dawn il-postijiet tal-biża’ kienu wkoll ħafna saċerdoti u reliġjużi rġiel u nisa.

● Silta meħuda mill-“Il-Karmelu”, Lulju-Settembru 91/3 (2026) p 20-21. Jekk tixtieq tkompli taqra dan l-artiklu, abbona f’“Il-Karmelu”. B’10€ tkun tista’ taqra l-artikli kollha ta’ sena sħiħa. Ibgħat ismek u l-indirizz tiegħek flimkien mal-ħlas lill-Editur “Il-Karmelu”, Kunvent tal-Karmelitani, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681.

Kalendarju Karmelitan20 ta’ Lulju - San ElijaProfeta u Missier il-KarmelitaniElija, li ismu jfisser ‘Alla tiegħi huwa Ja...
20/07/2026

Kalendarju Karmelitan
20 ta’ Lulju - San Elija
Profeta u Missier il-Karmelitani

Elija, li ismu jfisser ‘Alla tiegħi huwa Jaħweh’, twieled fir-raħal ta’ Tisbi lejn tmiem is-seklu 10 qK, u għex fi żmien is-Sultan Aħab, li kien daħħal f’Iżrael il-qima lejn alla Bagħal. Il-profeta Elija deher quddiem is-Sultan Aħab biex iħabbarlu tlitt snin ta’ nixfa bħala kastig. Meta għaddew it-tlitt snin, Elija reġa’ lura għand is-Sultan, u biex jurih l-inkapaċità tal-idoli tiegħu, nieda l-isfida fuq l-Għolja tal-Karmelu kontra l-400 profeta ta’ Bagħal. Għat-talb tiegħu Jaħweh bagħat in-nar u x-xita. Imma Elija beża’ mir-rabja ta’ Ġeżabel, mart Aħab u s-segwaċi ta’ alla Bagħal. B’qalbu ttaqtaq, talab lil Alla biex jibgħatlu l-mewt. Imma wara li anġlu ġablu l-ikel, fuq il-Ħoreb deherlu Alla fid-daħla tal-għar. Il-profeta msaħħaħ mill-kelma ta’ Alla, reġa’ lura fost il-poplu tiegħu, u dilek lil Eliżew profeta minfloku. Il-profeta Elija miet b’mod misterjuż madwar is-sena 850 qK, bl-ispirtu tiegħu meħud fis-sema b’karru tan-nar. L-ewwel irħieb, li fis-seklu tlettax inġabru fuq l-Għolja tal-Karmelu, imxew fuq it-tradizzjoni monastika u filwaqt li ħarsu lejn dan il-Profeta, fasslu ħajjithom fuq tiegħu flimkien mal-qima speċjali lejn Omm Alla.

Address

Misraħ Santa Venera
Santa Venera
SVR1681

Alerts

Be the first to know and let us send you an email when Il-Karmelu Malta posts news and promotions. Your email address will not be used for any other purpose, and you can unsubscribe at any time.

Shortcuts

Share

Category