Minħabba l-iżvilupp kontinwu fis-settur tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, waqt lagħqa li kienet saret ġewwa l-każin lura fis-6 ta’ Mejju tas-sena 2003, ġie deċiż li l-Għaqda Karmelitana u Banda Queen Victoria għandu jkollha l-istazzjon tar-radju tagħha. Ir-radju tas-soċjeta ġie mwaqqaf bil-għan li jxandar dirett l-attivitajiet kollha matul il-ġimgħa tal-festa għall-benefiċċju ta’
dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jipparteċipaw, u jinforma lis-semmiegħa dwar kult Karmelitan, l-Għaqda Karmelitana u l-Banda Queen Victoria, iż-Żurrieq u Żrieraq. Nhar is-Sibt 19 ta’ Lulju 2003, in-Nutar Joseph Darmanin inawgura ix-xandiriet uffiċjali tal-istazzjon tar-radju bl-isem ta’ ‘Leħen il-Karmelitani’ li beda jxandar fuq frekwenza ta’ 101.4FM.
‘Leħen il-Karmelitani’ jxandar minn studjo mgħammar b’teknoloġija avvanzata għall-aħħar, programmi varji ta’ mużika ta’ ġeneri diversi inklużi programmi ta’ marċi lokali, programmi b’temi reliġjużi u programmi bil-għan li jedukaw lis-semmiegħa dejjem aktar fuq l-istorja ta’ pajjiżna u l-folklor Malti fost oħrajn. Ma jonqsux lanqas, programmi b’intervisti ma personalitajiet Maltin, radju-drammi u ħafna aktar. Tul ix-xahar ta’ Lulju, it-trażmissjonijiet kollha jkunu jistgħu jiġu segwiti diretti fuq is-sit www.talkarmnuzurrieq.org. Għal dawn l-aħħar snin, Radju Leħen il-Karmelitani, xandar ukoll fix-xaħar tal-Milied b'għan filantropiku - dak li jinġabru fondi għal-fondazzjonijiet ta’ karita'. Flimkien ma kummissjonijiet oħra fi ħdan l-Għaqda Karmelitana u Banda Queen Victoria Żurrieq, għal tliet ijiem mix-xandir, ir-radju jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi taħt it-tinda f’Misraħ ir-Repubblika fejn jittellgħu ħafna avvenimenti ta’ divertiment u spettaklu bl-għan li jinġabru aktar fondi. Fl-aħħar, ir-radju jagħlaq din it-trażmissjoni tiegħu ta' minn taħt it-tinda billi jgħaddi l-fondi miġbura lil-fondazzjoni magħżula biex tibbenefika minnhom. Grazzi għad-DJs, preżentaturi u tekniċi li jaħdmu volontarjament u grazzi wkoll lil dawk l-entitajiet li jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi li joffru, fuq Radju Leħen il-Karmelitani, dan l-istazzjon qiegħed kulma jmur iżid fil-popolarita’. ‘Leħen il-Karmelitani’ għandu wkoll il-‘fan club’ tiegħu bl-isem ta ‘Ten14 Club’ li jilqa fih fuq tliet mitt membru. Bħal f’kollox, dejjem hemm fein nameljoraw iżda nassigurawkom li qed nagħmlu l-almu tagħna biex inwasslu trażmissjonijiet diretti u programmi ta’ kwalita’ mill-aqwa.